camera Arrestati żewġt irġiel li wettqu serq fil-Mellieħa

Telefonata anonima li daħlet fil-Control Room tal-Pulizija lbieraħ ftit qabel nofsinhar, informat lill-Pulizija li fi Triq il-Qortin fil-Mellieħa kien hemm żewġ persuni suspettużi jħufu qalb id-djar.

Fl-inħawi ntbgħatu l-Pulizija mir-Rapid Intervention Unit li waslu fuq il-post fi ftit minuti. Fost l-ewwel li waslu kienu s-Surġent Juan Mula Debono flimkien mal-Kuntistabbli Roderick Vassallo, Garreth D’Amato, Matthew Vella u William Galea f’żewġ vetturi.

MELLIEHA 1Minn tfittxija li saret fi Triq il-Qortin irriżultat fin-negattiv, iżda kif daħlu fi Triq L.Newton deher wieħed mis-suspettati li kellu borża sewda f’idejh. Huwa twaqqaf u ma offra l-ebda reżistenza.

Fil-borża l-Pulizija sabu oġġetti li kienu jidhru li kienu għadhom kif insterqu fosthom oġġetti tad-deheb.

Kif kienu għadhom fl-inħawi unit oħra tal-RIU nnuttaw it-tieni suspettat li wkoll twaqqaf għalkemm dan ipprova jaħrab. Barra l-oġġetti misruqin, il-Pulizija sabu wkoll tornavit kbir li x’aktarx il-ħallelin użaw bħala lieva.

Irriżulta li l-irġiel għandhom 34 sena u 44 sena u t-tnejn huma magħrufin mal-Pulizija.

Fuq il-post waslu aktar units tal-RIU mmexxijin mill-Ispettur Antoine Cilia kif ukoll l-Ispettur Arthur Mercieca mid-DIK. Bil-każ ġew informati wkoll il-Pulizija tad-Distrett fejn qed jinvestiga l-Ispettur Maurice Curmi.

Peress li ż-żewġt irġiel baqgħu jiċħdu li kienu involuti, il-Pulizija ma kienux jafu liema djar jew kemm djar ġew sgassati.MELLIEHA 2 Għaldaqstant kellhom biċċa xogħol iebsa biex isibu s-sidien li dawn ma kienux id-dar. Kienu wħud mill-ġirien li dehru jassistu lill-Pulizija biex jintraċċaw lis-sidien tad-djar li spiċċaw vittmi.Barra ll-oġġetti misruqa u t-tornavit, il-Pulizija elevaw ukoll karozza Isuzu li ż-żewġ suspettati marru biha fuq il-post.

Nifhmu li ddwar dan il-każ infetħet inkjesta fejn ġew maħturin l-esperti tal-Qorti kif ukoll l-Uffiċjali tax-Xena tar-Reat.

Il-preżenza tiegħi fuq il-post ma tantx kienet apprezzata miż-żewġ suspettati tant li f’ħin minnhom il-Pulizija kellhom jikkalmawhom għax kienu aggressivi u anke bdew jhedduni. Iżda l-Pulizija qdew dmirhom kif suppost u proteġewni.