camera Maximilian Ciantar reġa’ fl-inkwiet mal-Pulizija

Maximilian Ciantar ta’ 23 sena, residenti l-Marsa, li fl-2010 weħel sentenza ta’ priġunerija wara li tajjar tewmin bniet f’Ħ’Attard u baqa’ sejjer, illum reġa’ ħarab minn fuq il-post ta’ incident tat-traffiku din id-darba fil-Marsa ftit metri ’l bogħod minn fejn joqgħod. Jidherl li Ciantar ma tgħallem xejn mill-passat tiegħu stess.

L-inċident seħħ kmieni lbieraħ waranofsinhar fi Triq Zerafa meta kien qed isuq karozza Renault Megane li hija ta’ ommu u ħabat ma’ karozza Toyota Aygo misjuqa minn mara.

Kif seħħet il-ħabta, il-mara ħarġet mill-karozza tagħha u ġibdet l-attenzjoni ta’ Ciantar li kien laqtilha l-karozza. Persuni li kienu fit-triq qalu lil KRONAKA f’MALTA li Ciantar instema’ jgħid b’ton arroganti lill-mara li jekk riedet seta’ jerġa’ jaħbat magħħha u deher isuq fid-direzzjoni tal-karozza tal-mara u reġa’ laqatha. Qed ikun allegat li Ciantar saħansitra anke nstema’ jhedded lill-mara li kien se jgħaddi minn fuqha filwaqt li deher jitlaq minn fuq il-post tal-inċident.

maxKif sar rapport mal-Pulizija, bdiet tfittxija għalih u għall-karozza. Il-Pulizija tal-RIU marru jfittxuh il-Marsa fejn qed joqgħod kif ukoll għand ommu u fejn jaħdem missieru, iżda t-tfittxijiet irriżultaw fin-negattiv.

Kien aktar tard li l-Pulizija tad-Distrett mill-Għassa tal-Ħamrun fi tfittxija li għamlu f’Ħal Qormi, sabu lil Ciantar fir-residenza ta’ nanntu imma l-ebda sinjal tal-karozza. Mhux magħruf jekk il-karozza ta’ ommu kinitx għandu bil-kunsens ta’ ommu jew jekk ħadix mingħajr permess.

Bħalissa Max Ciantar ma jistax isuq peress li għandu l-liċenzja tas-sewqan sospiża sa Marzu 2015 b’sentenza tal-Qorti. Għaldaqstant mhux biss din id-darba mistenni li jkun akkużat li kien involut f’inċident tat-traffiku u baqa’ sejjer, imma li saq mingħajr liċenzja tas-sewqan. Mhux qed ikun eskluż ukoll li jista’ jiġi mixli b’serqa ta’ karozza jekk kemm-il darba ommu ma tixhedx li kienet għandu bil-kunsens tagħħa. Dawn huma ftit mill-akkużi li l-Ispettur Robert Vella x’aktarx li jakkuża lil Ciantar bihom.

Sadanittant kif Ciantar kien arrestat mid-dar ta’ nanntu, qed ikun allegat li kien taħt l-influwenza tad-drogi tant li ttieħed l-Isptar Mater Dei għall-kura.

Din ukoll mhux l-ewwel darba li Ciantar abbuża mid-droga tant li fl-2012 huwa kien instab ħati ta’ pussess ta’ eroina meta kien l-Isptar Mater Dei. Sena qabel inbgħat il-Ħabs ta’ Kordin meta nstab ħati li hedded lill-ġurnalisti fil-Qorti li kienu qed jisimgħu il-kawża li l-istess Spettur Vella kien resqu talli saq meta kellu l-liċnzja sospiża u għalhekk mar kontra l-ordni tal-Qorti.

Ir-rekord ta’ Ciantar imur ukoll għal April 2010 meta tajjar lit-tewmin Sarah-Marie u Rebecca Falzon li kellhom 11-il sena u baqa’ sejjer. Sarah-Marie għamlet xi żmien f’koma u fil-periklu tal-mewt. L-inċident kien ġara fi Triq il-Warda u Ciantar kien għaddej b’veloċitá ta’ aktar minn 100 kilometru fis-siegħa u kien tajjar lit-tewmin meta kienu qed jaqsmu minn fuq zebra crossing.

Dwar dan il-każ huwa kien weħel sentejn Ħabs imma ħareġ wara 16-il xahar. Anke s-sospensjoni tal-liċnzja tas-sewqan minn għaxar snin tnaqsitlu għal 16-il xahar.