camera  Olandiż fil-periklu tal-mewt

Rick Arends, Olandiż ta’ 27 sena, li x’aktarx jinsab Malta fuq btala, iddaħħal l-Isptar Mater Dei isofri minn ġrieħi gravi fejn anke ġie ċċertifikat li jinsab fil-periklu tal-mewt wara inċident tat-traffiku fil-Gżira.

L-inċident seħħ kmieni l-Erbgħa filgħodu għall-ħabta tat-3.30 a.m. meta Arends kien qed isuq mutur Piaggio Runner 180SP fi Triq l-Imsida. Kif wasal ma’ Triq Testaferrata, l-Olandiż tilef il-kontroll tal-mutur, laqat centre island u tkaxkar għal diversi metri.

GZIRA OLANDIZFuq il-post issejjeħet ambulanza b’infermiera li ħadu lill-vittma l-isptar fejn kompla jingħata aktar kura medika. Aktar tard huwa ġie ċċertifikat li jinsab fil-periklu tal-mewt.

Bil-każ ġie informat il-Maġistrat Dr Aaron Bugeja li ordna inkjesta u ħatar lit-Tabib Forensiku Mario Scerri, lill-Prokuratur Legali Mario Buttigieg, lill-Perit Richard Aquilina u lil Kurt Mahoney biex jeżamina filmati miġbudin minn cameras tas-sigurtá.

Huwa mifhum li Arends qed joqgħod ma’ ħabib tiegħu, li huwa Malti, fuq jott u li dak il-ħin tal-inċident x’aktarx li kien sejjer lura għal fuq il-jott.

F’dan l-istadju l-Pulizija mhi teskludi xejn, lanqas lifl-inċident setgħet kienet involuta karozza li baqgħet sejra.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija qed jitmexxew mill-Ispettur Jason F. Sultana flimkien mas-Surġent Ian Vella u l-Kuntistabbli David Xerri tad-Distrett.