camera Tliet żgħażagħ oħrajn jiddaħħlu l-isptar ukoll

Inċident tat-traffiku matul illejl li għadda, ħalla żagħżugħ jissielet għal ħajtu u tlieta oħrajn isofru minn diversi ġrieħi.

Dan l-inċident seħħ ftit wara n-12.30 a.m. fi Triq ix-Xlendi fil-Fontana meta Samwel Agius, żagħżugħ ta’ 18-il sena miż-Żebbuġ Għawdex, kien qed isuq Honda Civic u kif ġie f’liwja tilef il-kontroll tal-karozza u baqa’ dieħel f’ħajt tas-sejjiegħ. L-impatt mal-ħajt tant kien qawwi li l-karozza nqalbet fuq is-saqaf tagħha.

MVA FONTANAFl-istess karozza kien hemm tliet passiġġieri, tfajla ta’ 16-il sena u żewġ ġuvintur ta’ 17 u 16-il sena t-tlieta li huma mix-Xagħra. Fuq il-post issejħu l-membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili li assistew lill-erba’ żgħażagħ jinħarġu mill-karozza. Huma ttieħdu l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex b’ambulanzi fejn bdew jingħataw il-kura medika.

Sfortunatament Agius sofra ġrieħi gravi u ġie ċċertifikat li jinsab fil-periklu tal-mewt. Min-naħa l-oħra t-tfajla sofriet ġrieħi gravi filwaqt li ż-żewġ ġuvintur sofrew ġrieħi ħfief.

Bil-każ ġiet informata l-Maġistrat Dr Joanne Vella Cuschieri li ordnat inkjesta u ħatret diversi esperti fosthom il-Prokuratur Legali Mario Buttigieg u l-Perit Cornelia Tabone.

L-istħarriġ tal-Pulizija qed jitmexxa mill-Ispettur Frank Tabone tad-Distrett.