camera Spettur tal-Pulizija ġera wara t-tfajla u arrestaha

Tfajla ta’ 17-il sena mir-Rumanija ħarbet minn ħanut li kienet għadha kif serqet, iżda nqabdet ftit tal-ħin wara minn Spettur tal-Pulizija li ġera warajha.

bershka 1Illum għall-ħabta tas-1.25 p.m. l-Ispettur Jonathan Ransley, stazzjonat fl-Għassa ta’ Tas-Sliema, kien fil-karozza tas-servizz mal-Kuntistabbli Steven Spiteri. Kif kienu qrib Triq Bisazza f’Tas-Sliema stess, Ransley sema’ mara tgħajjat u tiġri wara tfajla.

L-Ispettur Ransley kien pront, niżel mill-karozza u mar jiġri wara t-tfajla meta sar jaf li din kienet serqet xi affarijiet minn ħanut. Filwaqt li l-ispettur kien qed jiġri wara s-suspettata, PC Spiteri dawwar il-karozza u saq fl-istess direzzjoni.

Kif it-tfajla Rumena waslet fi The Strand qrib l-istabbiliment BHS, inqabdet mill-Ispettur Ransley. Irriżulta li t-tfajla kienet għadha kif serqet oġġetti tal-ħwejjeġ mill-ħanut Bershka li jinsab fi Triq Bisazza.

Minn aktar stħarriġ irriżulta wkoll li l-istess tfajla kienet wettqet serqa oħra minn ħanut ieħor f’Tas-Sliema.

L-investigazzjonijiet dwar dan il-każ qed jitmexxew mill-Ispettur Jason F. Sultana tad-Distrett.