camera Bulgara ssofri biss ġrieħi ħfief

Inċident tat-traffiku li seħħ kmieni dalgħodu fi Triq il-Kosta kien jidher li sewwieqa ta’ karozza setgħet korriet gravi, iżda b’xorti tajba u bl-intervent f’waqtu tal-membri tal-Protezzjoni Ċivili u t-tim mediku, mara ta’ 45 sena ta’ nazzjonalitá Bulgara, residenti San Ġwann, sofriet biss ġrieħi ħfief.

MVA KOSTADan l-inċident seħħ għall-ħabta tas-7.20 a.m. meta l-mara kienet qed issuq Mini1000 fid-direzzjoni ta’ San Pawl il-Baħar. Fl-istess ħin mid-direzzjoni opposta kienet ġejja taxi Peugeot misjuqa minn raġel ta’ 40 sena mill-Fgura.

Mhux magħruf jekk ix-xufier tat-taxi kienx qed jaqbeż xi karozza oħra jew jekk tilifx il-kontroll u mar fuq in-naħa l-oħra tat-triq bil-konsegwenza li seħħet il-ħabta ‘head-on’. Il-mara ma kelliex fejn tmur biex tevita l-ħabta peress li bħalissa t-triq kellha tidjieq u mal-ġenb hemm blokki tal-konkrit minħabba x-xogħol tal-kostruzzjoni li qed isir.

Mad-daqqa l-mara nqabdet qalb it-tifrik tant li fuq il-post marru l-membri tal-Protezzjoni Ċivili mmexxijin mill-Uffiċjal Michel Galea u Brian Caruana li kellhom iqaċċtu partijiet mill-karozza biex inħarġet il-mara.

Sakemm kienet għaddejja din l-operazzjoni kien hemm ambulanza għal-lest b’żewġ infermieri li bdew jassistu lill-Bulgara.

Kif inħarġet minn qalb it-tifrik tal-karozza tagħha, hija ttieħdet l-Isptar Mater Dei fejn b’xorti tajba ġiet iċċertifikata li kienet qed issofri minn ġrieħi ħfief. Min-naħa l-oħra x-xufier tat-taxi ma ġralu xejn.

Il-Pulizija mit-Taqsima tat-Traffiku kif ukoll mir-Rapid Intervention Unit għalqu t-triq miż-zewġ direzzjonijiet fejn sakemm tneħħew ż-żewġ karozzi nħolqot konġestjoni tat-traffiku. Uffiċjali minn Transport Malta wkoll assistew biex jiddevjaw it-traffiku.

Il-Pulizija tad-Distrett immexxijin mis-Surġent Alan Buhagiar u l-Kuntistabbli Joseph Chircop ħejjew rapport tal-inċident.