camera Jingħalqu diversi toroq f’Tal-Ibraġġ

Ftit qabel is-6.00 p.m. il-Pulizija tad-Distrett ġew informati li faċċata tal-Ambaxxata Palestinjana fi Triq il-Modd f’Tal-Ibraġġ kien hemm bagalja abbandunata li dehret suspettuża.

PALESTINAFi ftit minuti waslu l-Pulizija mill-Għassa ta’ San Ġiljan immexxijin mis-Surġent Ramon Mifsud Grech u dawk mir-Rapid Intervention Unit immexxijin mill-Ispettur Antoine Cilia.

Il-Pulizija ħadu l-prekawzjonijiet kollha billi għalqu t-toroq tal-madwar kemm għat-traffiku kif ukoll għal kull min kien bil-mixi.

Ftit tal-ħin wara waslu l-membri mill-Explosive Ordinance Disposal tal-Forzi Armati ta’ Malta. L-uffiċjal inkarigat mill-operazzjoni ordna biex ħadd ma jersaq lejn il-bagalja, la l-Pulizija u lanqas in-nies kif ukoll biex ħadd ma jitħalla joħroġ mid-dar jew jersqu lejn il-karozzi li kien hemm ipparkjati.

Membru tal-EOD deher jersaq lejn il-bagalja b’ilbies protettiv fejn eżamina l-bagalja suspettuża. Wara madwar 13-il minuta wara s-suldat deher jagħmel sinjal li l-bagalja kienet vojta u li ma kien hemm l-ebda periklu.

Il-bagalja ttieħdet xorta waħda mill-Pulizija fejn jidher li min poġġiha hemm għamel dan biex jeħles minnha u remiha fl-ewwel post li sab.