camera Nhar it-Tnejn jaslu tliet fire engines mill-Ingliterra

Fil-ġimgħat li ġejjin id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili se jkun jista’ jaħdem aħjar bi tliet ‘fire engines’ ħafna aktar ġodda milli għandu fil-preżent. Dawn l-inġenji mistennija jaslu Malta nhar it-Tnejn, 23 ta’ Ġunju.

Sorsi qrib il-Protezzoni Ċivili qalu lil dan is-sit li fl-aħħar id-Dipartiment jista’ jeħles minn “imbarazz” li ilu snin jaħdem bih. L-istess sorsi qalulna li qed jaħdmu b’vetturi li lanqas jgħaddu mit-test tal-VRT.

CPDDawn is-sorsi kkonfermaw li grazzi għall-Kaptan Reuben Lanfranco, li huwa Konsulent Marittimu u Surveyor Marittima kif ukoll il-Kap Kmandant u Kummissarju tas-St John Rescue Corp.

Il-Kaptan Lanfranco kien strumentali biex jinġiebu Malta tliet ‘fire engines’ mingħand il-Lancashire Fire and Rescue Service fl-Ingliterra. L-istess sorsi qaluli li l-Kaptan Lanfranco personalment mar għand il-Lancashire Fire and Rescue Service jrnexxielu jiffinalizza ftehim magħhom biex id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili jakkwista inġenji ferm aħjar milli għandu.

Dawn it-tlett inġenji huma Leyland DAF 55 serje 230 u huma mgħammrin bl-apparat bżonnjuż kif ukoll bi slielem ġodda u li huma addatatti għat-toroq ta’ Malta. Dawn diġá ġew spezzjonati minn uffiċjal għoli fid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u jidher li kien sodisfatt.

It-tliet vetturi telqu minn Lanchashire u nstaqu sa Merseyside fejn reġgħu ġew spezzjonati u ngħataw ‘service’. Minn hemm ġew trasportati lejn Southampton u ttelgħu fuq vapur tal-kumpanija Grimaldi il-‘Grande Ellade’ sa Salerno fl-Italja.

Dawn se jkunu trasferiti għal fuq vapur ieħor tal-istess kumpanija jaslu Malta nhar it-Tnejn.

Is-sorsi qaluli wkoll li l-kumpanija Grimaldi se tkun qed tittrasporta dawn il-‘fire enignes’ b’xejn.