camera Konġestjoni tat-traffiku mill-Ħamrun sa Fleur de Lys

Inċident tat-traffiku bejn erba’ karozzi mhux biss kien hemm tfajla u tifla li sofrew ġrieħi ħfief, imma nħolqot konġestjoni tat-traffiku tul Triq il-Kbira San Ġużepp bejn il-Ħamrun u Fleur de Lys u t-toroq tal-madwar.

MVA STA VENERADan l-inċident seħħ dalgħodu għall-ħabta tal-11.30 a.m. quddiem dak li kien il-Kulleġġ Umberto Colosso f’Santa Venera. Karozza Toyota Starlet, misjuqa minn tfalja ta’ 20 sena minn Ħaż-Żebbuġ, li hija studenta qegħda titgħallem issuq, kienet sejra fid-direzzjoni tal-Ħamrun. Magħha kien hemm Randolph Calleja ta’ 31 sena mill-Iklin.

It-tfajla waqfet quddiem ‘zebra crossing’ biex tkun tista’ taqsam tifla ta’ madwar 13-il sena li ħarġet minn taħt l-akwadott.

Kif din it-tifla kienet se taqsam, mid-direzzjoni opposta ġiet karozza Toyota Auris misjuqa minn Gareth Buttigieg ta’ 33 sena mill-Ħamrun.

“Kif konna weqfin ġiet din il-karozza (Toyota Auris) u baqgħet dieħla għal ġo fina”, qalli Calleja.

Min-naħa tiegħu Buttigieg qal li “kif inhi din iz-zebra crossing diffiċli biex tara lil xi ħadd li joħroġ minn taħt l-akwadot. Biex ma nolqotx lit-tifla, ġbidt lejn il-lemin u ma stajtx nevita l-ħabta.”

Mad-daqqa t-Toyota Starlet ġiet imbuttata lura għal fuq żewġ karozzi – Citreon Berlingo li kienet ipparkjata u Terios li kienet wara t-Toyota Starlet.

Fuq il-post waslu l-Pulizija mit-Taqsima tat-Traffiku kif ukoll dawk mill-RIU li kellhom jagħlqu parti minn Triq il-Kbira San Ġużepp għat-traffiku. Ambulanza b’infermiera waslet fi ftit minuti li ħadet lit-tfajla l-Isptar Mater Dei filwaqt li t-tifla ttieħdet fi klinika privata. Huwa mifhum li kemm it-tfajla kif ukoll it-tifla sofrew ġrieħi ħfief.

Il-Pulizija tad-Distrett immexxijin mis-Surġent Edward Grech u l-Kuntistabbli Michael Cilia, mill-Għassa tal-Pulizija tal-Ħamrun ħejjew rapport tal-inċident.

English version for the above article go to this link http://www.maltatoday.com.mt/news/court_and_police/39847/fourcar_crash_in_santa_venera#.U5gWtRbeNlI