camera Missier ta’ tifel żgħir imut f’ħabta fil-Marsa

George Scerri ta’ 39 sena minn San Ġiljan tard illum waranofsinhar tilef ħajtu f’inċident tat-traffiku li seħħ fi Triq Garibaldi, fil-Marsa. Dan huwa s-seba’ incident fatali tat-traffiku din is-sena.

It-traġedja tallum seħħet għall-ħabta tas-6.05 p.m. meta Scerri, missier ta’ tifel ta’ disa’ snin, kien qed isuq karozza Mitsubishi Shogun fi Triq Garibaldi fil-Marsa fid-direzzjoni tal-Marsa.

Scerri, li dak il-ħin kien waħdu, laqat karozza ohra, Toyota Corolla misjuqa minn raġel ta’ 65 sena mis-Siġġiewi li miegħu kellu mara u tifla. Mad-daqqa l-karozza ta’ Scerri marret fuq ix-xellug, telgħet fuq il-bankina u baqghet dieħla b’impatt qawwi f’ħajt.

MVA Marsa fataliTant kien qawwi l-impatt mal-ħajt li Scerri jidher li ħabat rasu mal-pilastru tal-karozza tiegħu stess. Fi ftit minuti waslu l-Pulizija mit-Taqsima tat-Traffiku, membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kif ukoll ambulanza b’infermieri iżda Scerri ġie ċċertifikat mejjet fuq il-post.

It-tim mediku assista lill-persuni li kienu fit-Toyota, fosthom lit-tifla ż-żgħira iżda b’xorti tajba ħadd minnhom ma sofra ebda ġrieħi.

B’din it-traġedja ġiet informata l-Maġsitrat Dr Charmaine Galea li ordnat inkjesta u ħatret lill-Perit Richard Aquilina, lill-Prokuratur Legali Mario Buttigieg u lit-Tabib Forensiku Mario Scerri bħala esperti tal-Qorti.

Sakemm tlesta l-aċċess Triq Garibalidi, minn Ħal Luqa lejn il-Marsa ingħalqet għat-traffiku mill-Pulizija. L-istħarriġ tal-Pulizija qed jitmexxa mill-Ispettur Spridione Zammit tad-Distrett.

English version for the above article go to this link http://www.maltatoday.com.mt/news/national/39775/another_fatal_traffic_accident__#.U5gW_RbeNlI