camera Jidher li se jkollna mewġa ta’ immigrant fil-jiem li ġejjin

Bejn il-11.00 a.m. tas-Sibt u t-3.00 a.m. sbieħ il-Ħadd, il-Forzi Armati ta’ Malta b’kordinazzjoni mal-Awtoritajiet Taljani u Amerikani, daħlu Malta 135 immigrant fosthom tfal u nisa.

SAR 1L-ewwel seba’ immigrant twasslu Malta bl-ajru għax kellhom bżonn l-għajnuna medika. F’din l-operazzjoni ta’ tfittix u salvataġġ ħadu sehem bastimenti tal-Guardia Costiera Taljana, bastimenti Navali Amerikana kif ukoll assista bastiment merkantili li kien fl-inħawi. Ma’ dawn ingħaqdu tliet Patrol Boats u ajruplan tal-FAM.

Kienet il-P51 tal-FAM li salvat 103 immigrant, 13 minnhom nisa u tarbija wara li d-dinghy li kienu fuqu infaqa u spiċċaw fil-baħar.

Dawn l-immigranti ttelgħu fuq il-P61 u wara li ngħataw l-għajnuna rriżulta li tliet irġiel, mara u tarbija kellhom bżonn l-assistenza medika.

Minn hawn bdiet operazzjoni oħra fejn il-ħames persuni ttelgħu abbord il-V22 Osprey, li huwa kemm ajruplan kif ukoll ħelikopter, tal-Qawwa Navali Amerikana. Dawn inġiebu Malta s-Sibt għall-ħabta tal-11.00 a.m. fejn kien hemm l-ambulanzi b’infermieri jistennew fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta. Dawn ittieħdu l-Isptar Mater Dei fejn komplew jingħataw l-għajnuna SAR 2meħtieġa.

Aktar tard is-Sibt wara nofsinhar żewġ nisa oħrajn inġiebu Malta permezz tal-ħelikopter AB212 tal-Missjoni Militari Taljana f’Malta li kellu ekwipaġġ magħmul kemm mit-Taljani kif ukoll Maltin. Dawn iż-żewġ nisa immigrant kienu fuq il-P61 iżda minħabba l-kundizzjoni tagħhom ma kinitx tajba ġew trasferiti lejn Malta fejn tniżżlu fil-Bażi tat-Taqsima tal-Ajru tal-FAM f’Ħal-Kirkop u ttieħdu l-Isptar Mater Dei b’ambulanza

Iżda l-ħidma minn fuq il-baħar kompliet anke matul il-lejl tant li għall-ħabta tat-3.20 a.m. sbieħ il-Ħadd il-P23 tal-FAM daħlet fil-Bażi Marittimu tal-FAM b’128 immigrant ieħor – 117-il raġel u 11-il mara.

Fuq il-moll kien hemm jistennew il-Pulizija mit-Taqsima tal-Immigrazzjoni mmexxijin mill-Assistent Kummissarju Lawrence Cutajar kif ukoll it-tabib Anthony Williams.

L-ewwel ma tniżżlu kienu l-11-il mara u wara l-kumplament tal-grupp. Minkejja li dehru għajjnin, kienu żewġt irġiel biss li ntelqu mal-art u kienu eżaminati mit-tabib.

SAR 3Il-128 immigrant ittelgħu fuq xarabanks tal-Pulizija u ttieħdu lejn il-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fil-Floriana biex ikunu iddentifikati. Fost dawn l-immigranti rregolari kien hemm minnhom li qalu li ġejjin mis-Somalja, Mali, Alġerija u pajjiżi oħrajn tal-Afrika t’Isfel.

Qed ikun imbassar li dan is-sajf se jkun wieħed impenjattiv għall-Forzi Armati kemm dawk Maltin kif ukoll Taljani.

Fil-jiem li għaddew il-Forzi Armati ta’ Malta, flimkien mal-Armata Taljana u dik Amerikana kienu involuti f’operazzjonijiet ta’ tfittix u salvataġġ fil-Mediterran. Għalkemm rapport qalu li ġew interċettati madwar 25 opra tal-baħar mimlijin bl-immigranti li ħarbu mil-Libja, dan in-numru mistenni jkompli jiżdied hekk kif il-baħar kalm qed jagħmilha aktar faċli biex isiru dawn it-traġitti llegali.