camera Anzjan Irlandiż imut fil-Bajja ta’ Għajn Tuffieħa

B’aktar minn ġimgħatejn ’il bogħod mill-istaġun tas-sajf, din is-sena diġá tilfu ħajjithom tliet persuni kawża ta’ għarqa filwaqt li tul is-sena l-oħra kollha mietu seba’ persuni.

Irlandiż ta’ 65 sena li kien għal btala f’Malta mal-familja tiegħu, illum għall-ħabta ta’ nofsinhar ittella’ mill-baħar meta sab ruħu f’diffikulta meta kien qed jgħun fil-bajja ta’ Għajn Tuffieħa, jew kif inhi magħrufa aħjar bħala l-bajja tat-taraġ.

IRISHDak il-ħin il-baħar kien ftit qawwi u din il-bajja hija magħrufa għall-kurrenti perikolużi meta r-riħ ikun jaqbel. Kienu persuni li dak il-ħin kienu fuq ir-ramel li ndunaw li l-Irlandiż kien f’diffikultá u marru jassituh u ġarrewh għal fuq ir-ramel.

Mill-ewwel kien jidher li l-anzjan kien f’qagħda kritika tant li beda jingħata l-ewwel għajuna medika permezz tan-nifs artifiċjali u messaġġi fuq qalbu minn dawk stess li qabżu għalih.

Ftit tal-ħin wara waslu l-Pulizija tad-Distrett kif ukoll membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili mmexxijin mill-uffiċjali Tony Portelli u Toni Mcallef mill-istazzjon tax-Xemxija li flimkien ma’ tim mediku komplew jassistu lill-Irlandiż.

Peress li biex jittella’ fit-triq fejn kien hemm l-ambulanza tistenna hemm madwar 200 tarġa, intalbet l-assistenza tal-Forzi Armati li dak il-ħin fl-inħawi kien hemm ħelikopter li kien qed jieħu sehem f’sezzjoni ta’ taħriġ li mill-ewwel intgħat biex jassisti.

Il-vittma ttella’ fuq il-ħelikopter bl-għajnuna ta’ membru ta’ salvataġġ fejn baqgħu sejrin bih fejn kien hemm l-Isptar San Luqa.

Hemmhekk kien hemm ambulanza oħra tistenna li ħadet lill-anzjan l-Isptar Mater Dei, iżda sfortunatament huwa ġie ċċertfikat mejjet kif wasal fid-Dipartiment tal-Emerġenza.

Il-Pulizija tad-Distrett qed tinvestiga din it-traġedja.

Dan kien it-tielet każ din is-sena ta’ mewt b’għarqa. L-ewwel waħda seħħet fid-Dwejra, Għawdex fit-3 ta’ Marzu meta turist Pollakk kien qed jieħu ritratt u nġarr minn mewġa. Ftit tal-jiem ilu, fit-30 ta’ Mejju, turista Ġermaniża ta’ 46 sena wkoll sabet ruħa f’diffikultajiet meta kienet qed tgħoddos fix-Xatt l-Aħmar f’Għajnsielem, Għawdex.