cameraBomba taħt karozza tisplodi metri mill-abitat

Darren Degabriele ta’ 35 sena minn Ħal Għaxaq, sid ir-restorant ‘Gente di Mare’ li jinsab f’Masraxlokk, jinsab f’qagħda kritika u fil-periklu imminenti li jitlef ħajtu meta bomba splodiet fil-karozza tiegħu meta kien fi triqtu lejn Marsaxlokk. Kieku l-bomba splodiet ftit metri ’l isfel fil-qalba ta’ Marsaxlokk, kieku kienet isseħħ traġedja kbira.

BOMBA ZEJTUNAktar kmieni llum, il-Ħadd, ftit qabel l-4.00 p.m. Degabriele kien f’karozza Mitsubishi Pajero u miegħu kellu s-sieħba tiegħu, Stephanie Tonna ta’ 28 sena minn Birkirkara. Kif kienu fi Triq iż-Żejtun li tagħti għal Marsaxlokk seħħet splużjoni. Mal-isplużjoni l-Pajero ħadet in-nar b’konsegwenza li karozza oħra, Renault Megane misjuqa minn raġel ta’ 32 sena mill-Kalkara, li kien qed isuq wara Degabrieli pprova jevita’ l-Pajero imma minħabba li skiddja minn fjuwil li ħareġ mill-Pajero, r-Renault ħabtet ma’ arblu tad-dawl. Fl-istess ħin kienet involuta wkoll karozza oħra.

L-isplużjoni kkawżat ħsarat estensivi fil-Pajero tant li biċċiet tal-pjanċi taru għal diversi metri.

Huwa mifhum li l-bomba tpoġġiet taħt il-karozza taħt is-seat tas-sewwieq. S’issa għad irid ikun stabbilit kif il-bomba splodiet dak il-ħin. Nifhmu li l-kontenitur li fih tpoġġa l-materjal splussiv kien hemm ukoll biċċiet tal-ħadid biex mal-isplużjoni ssir ħsara kbira fejn tolqot.

Mhux magħruf jekk Degabriele spiċċax barra mill-karozza tiegħu kawża tal-isplużjoni jew jekk inħariġtx minn persuni oħrajn. Huwa deher li kien qed isofri minn ħruq estensiv fejn rapport qalu li sofra madwar 90% ħruq ma’ ġismu kollu. B’xorti tajba l-mara li kienet miegħu ħelsitha ħafif.

Fuq il-post waslu diversi units tal-Pulizija mill-Iskwadra tal-RIU kif ukoll dawk tad-Distrett. Il-karozza ta’ Degariele saret vampa nar u l-istess nirien tferxu wkoll fuq ir-Renault.

L-ewwel ma waslet biex ikunu kkontrollati n-nirien kienet fire engine tal-Korporazzjoni Enemalta li hija stazzjonata fil-power station ta’ Delimara u ftit tal-ħin wara waslu diversi inġenji mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili li flimkien ikkontrollaw in-nirien.

Ambulanza b’tim mediku ħadet lil Degabriele u lil Tonna l-Isptar Mater Dei fejn ir-raġel ġie ċċertifikat li jinsab fil-periklu tal-mewt.

Raġel ieħor, li għandu 39 sena minn Ħal Għargħur ukoll kien jinħtieġ il-kura medika minħabba li ġrieħi li sofra mill-blast tal-bomba.

Bil-każ ġie informat il-Maġistrat Dr Ian Farrugia li mexxa l-aċċess fuq il-post ta’ dan l-attentat tal-qtil. Huwa ħatar bħala esperti tal-Qorti lill-Brigadier Jeffrey Curmi bħala espert tal-isplussiv flimkien mal-Perit Richard Aquilina, il-Prokuratur Legali Mario Buttigieg u l-Professur Alfred Vella flimkien mal-Uffiċjali tax-Xena tar-Reat u l-Pulizija tal-Fotografija.

Triq iż-Zejtun kellha tinżamm magħluqa għal xi ħin sakemm il-Pulizija bdew bl-investigazzjonijiet. Fost dawk li marru fuq il-post kien hemm id-Deputati Kummissarji Raymond Zammit u Pierre Calleja, l-Assistent Kummissarju Silvio Valletta u l-Ispetturi Michael Mallia, Keith Arnaud u Saviour Baldacchino mid-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali u l-Ispettur Carol Fabri tad-Distrett.

Membri mill-Explosive Ordinance Disposal tal-Forzi Armati elevaw kull traċċa li setgħu isibu biex fil-jiem li ġejjin se jkunu analiżati mill-espert tal-Qorti, il-Brigadier Jeffrey Curmi, biex ikun stabbilit x’tip ta’ bomba kienet u kif splodiet.