Malti mfittex fl-Olanda arrestat fil-Qawra

la-rosaIl-Pulizija Maltija kisbet success iehor fix-xena internazzjonali meta Malti li kien ilu imftittex mill-Awtoritajiet Olandizi iktar minn sentejn gie arrestat fil-Qawra nhar il-Gimgha filghodu.

Wara li aktar kmieni dan ix-xahar, il-Pulizija Maltija arrestaw persuni b’konnessjoni ma’ serq minn ATMs, li kienu ukoll imfittxijin minn Pulizija barranin, il-Gimgha, 27 ta’ Marzu  gie arrestat Darren Vassallo La Rosa, Malti ta’ 36 sena li allegatament huwa mfittex mill-Pulizija Olandiza b’konnessjoni ma’ kriminalità organizzata b’mod partikolari fit-traffikar tad-droga.

Minn investigazzjonijiet li ghamlu l-Pulizija Maltija u anke wara jiem ta’ osservazzjoni, l-istess Pulizija zammew taht osservazzjoni blokk appartamenti fi Triq it-Tamar fil-Qawra. Ghal habta tad-9.00 a.m. Vassallo La Rosa deher hiereg mill-appartament u ftit wara gie avvicinat mill-Pulizija u arrestat. Huwa mifhum li l-Malti ma offra ebda rezistenza.

Minhabba li Vassallo La Rosa kien imfittex fuq allegat traffikar ta’ droga, fil-fatt qed ikun allegat li l-ammont huwa ta’ iktar minn 10 kilo Kannabis, il-Pulizija mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga ghamlu tfittxija fl-appartament tieghu izda jidher li ma nstab xejn.

Is-Sibt ghal habta tal-11.00 a.m. l-Ispettur Dr Mario Cuschieri mit-Taqsima tar-Relazzjoni Internazzjonali u l-Ispettur Johann Fenech mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga resqu lil Vassallo La Rosa quddiem il-Magistrat Dr Doreen Clarke biex bdew proceduri biex jigi estradit lejn l-Olanda.

It-talba ghall-estradizzjoni saret  mill-Ufficcju tal-Prosekutur Pubbliku ta’ Ultrecht fl-Olanda li ghamel talba ta’ Arrest Ewropew bis-Sistema Schengen. Ghalkemm Vassallo La Rosa ilu mfittex mill-2007, l-alert internazzjonali nhareg fid-29 ta’ Jannar 2009.

Il-Magistrat Clarke cahdet it-talba ghall-helsien mill-arrest u ordnat li l-akkuzat jibqa’ mizmum taht arrest preventiv fil-Habs ta’ Kordin. Ghal Darren Vassalo La Rosa dehru l-Avukati Stephen Tonna Lowel u Veronique Dalli filwaqt li jirrapprezentaw l-Ufficcju tal-Avukat Generali kien hemm Donatella Frendo Dimech u Elaine Rizzo.