February 2009


Periklu kbir u hinijiet twal

Il-problemi fic-Centri ta’ Detenzjoni mhumiex biss ghall-klandestini izda huma hafna akbar ghall-impjegati u s-suldati li jahdmu f’dawn ic-centri fejn huma esposti ghal periklu kbir kif ukoll ghal hinijiet twal u xift bla hin liberu.

Bhalissa fic-Centru ta’ Detenzjoni li jinsab fil-‘barracks’ tas-suldati f’Hal Far hemm madwar 900 klandestin wara li dan l-ahhar bejn li hargu u bejn li gew trasferiti lejn Ta’ Kandja naqsu b’madwar 100 klandestin. F’kull xift ta’ 13-il siegha jkun hemm ghassa ma’ dawn id-900 klandestin, bejn il-‘casuals’ tas-servizzi ta’ detenzjoni, suldati li jkunu ghassa u dawk fl-ufficini, huma ferm inqas minn ‘platoon’ ta’ suldati ta’ kontra l-irvellijiet. Dan ifisser li jekk il-klandestini jkollhom jirvellaw anke nofshom u jaghtu salt ghal dawk li jkunu ghassa maghhom, mhux possibbli li jkunu kkontrollati.

Sorsi qrib is-servizzi ta’ detenzjoni qaluli li s-sitwazzjoni tkun perikoluza l-aktar bil-lejl minhabba li jekk il-klandestini jirvellaw, barra li dawk li jkunu ghassa huma ftit, l-assistenza min-naha tas-suldati mis-‘C Company’ ma tkunx daqshekk malajr daqs li kieku jirvellaw matul il-gurnata.

Sorsi qrib il-Forzi Armati qalu li filwaqt li matul il-gurnata f’kaz ta’ bzonn jissejhu s-suldati ta’ kontra l-irvellijiet u dawn jaslu fi ftit minuti, mhux l-istess jista’ jinghad ghal matul il-lejl. Ir-raguni hija li dawn is-suldati generalament matul il-lejl ikun hemm minnhom fuq xoghol barra bhal ma huma ‘road blocks’ u rondi.

Sadanittant is-sorsi qrib is-servizzi ta’ detenzjoni qalulna li mill-bidu ta’ Frar, wara l-wasla tal-klandestini, dawn bdew jahdmu fuq xift ta’ gurnata, lejl u mistrieh u tnehhitilhom il-gurnata frank. Jidher izda li dawn gew imweghda li minn nhar it-Tnejn dan ix-xift suppost se jinbidel fejn se jkollhom ukoll gurnata frank.

Intant aktar kmieni din il-gimgha parti mill-bini, maghruf bhala ‘Hermes Block’, li jinsab ukoll f’Hal Far, tbattal minn xi klandestini minhabba li huwa fi stat perikoluz. huwa mifhum li parti mis-saqaf huwa kkundannat u dan kompla garrab aktar hsarat wara li l-klandestini taw in-nar fil-post.

Numru ta’ klandestini nisa gew trasferiti lejn il-kumpless f’Ta’ Kandja minhabba dan il-periklu ghalkemm ghad hemm xi nisa li baqghu f’Hal Far ghax ma jridux jiccaqalqu minhabba li ghandhom xi qraba hemm.

Advertisements

Jista’ jkun li kien digà joqghod Malta

Ghalkemm ma nstabu ebda sinjali ta’ vjolenza fuq kadavru ta’ ragel isewed, jidher li dan ma gheriqx waqt vjagg klandestin  fi triqtu lejn Malta, imma r-ragel seta kien digà qed joqghod Malta.

Nhar l-Erbgha, ragel minn San Pawl il-Bahar, Ray Vassallo ta’ 57 sena, ghal habta tas-1.05 p.m. cempel lill-Pulizija fejn informahom li fil-bahar fil-post maghruf bhala Little Armier, limiti tal-Mellieha, kien hemm kadavru fil-wicc. Fuq il-post marru l-Pulizija tad-Distrett immexxija mill-Ispettur Therese Sciberras u s-Surgent Aaron Attard fejn faccata ta’ Ray’s Lido ftit metri ‘l boghod mix-xatt kien hemm kadavru. B’din is-sejba gie informat ukoll l-Ispettur Chris Pullicino mill-Iskwadra ta’ Kontra l-Omicidji.

Biex il-kadavru ddahhal ghal fuq ix-xatt intalbet l-assistenza tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Civili fejn fuq il-post marru Brian Caruana u Patrick Galea li dahlu l-kadavru. Irrizulta li l-kadavru huwa ta’ ragel iswed u li kien liebes tliet T-Shirts, zewgt ggieket u qalziet ta’ taht u li kien jidher li ma tantx kienu ilu mejjet. Ftit metri ‘l boghod fuq ir-ramel instab jeans u f’wiehed mill-bwiet il-Pulizija sabu kartira li kien fiha biss munita ta’ zewg centezmi ta’ Ewro ta’ Malta.

Il-Pulizija ghad trid tistabilixxi jekk dan il-jeans huwiex tal-istess persuna u jekk jirrizulta li huwa tieghu, allura jista’ jaghti l-kaz li r-ragel kien digà qed jghix Malta u lanqas mhu qed ikun eskluz li jista’ jkun wiehed mill-klandestini li harab minn Centru ta’ Detenzjoni u spicca ghereq forsi anke waqt li kien se jitharrab minn Malta.

Bis-sejba tal-kadavru gie informat il-Magistrat Dr Antonio Mizzi li ordna inkjesta. Huwa hatar bhala esperti tal-Qorti lit-Tabib Forensiku Mario Scerri kif ukoll lill-Professur Hector Galea biex jaghmel ezami fuq snin il-vittma.

F’inqas minn xahrejn saru 14-il hold-up – 10 fi Frar

Minghajr ebda biza’ ta’ xejn il-hallelin komplew iwerwru lic-cittadini fejn armati qeghdin jidhlu fi hwienet u stabbilimenti u jwettqu hold-up wara l-iehor. Mill-bidu ta’ din is-sena, f’inqas minn xahrejn, digà saru 14-il hold-up fejn dan ix-xahar, fi Frar, diga’ saru 10 hold-ups. L-ahhar zewg hold-ups sehhew nhar it-Tnejn fi spazju ta’ tliet sighat.

L-ewwel wiehed sehh fil-hanut “Il-Qronfla” li jinsab fi Triq il-Kbira f’Hal Balzan ftit qabel is-7.00 p.m. Dak il-hin fl-istabbiliment kien hemm Charlene Saliba ta’ 23 sena minn Haz-Zabbar li kienet qeghda tpoggi xi affarijiet f’posthom qabel taghlaq il-post. F’hin minnhom hasset xi haga ma’ dara u kif kienet se ddur sabet ragel b’wiccu mghotti b’balaklava sewda u f’idu kellu pistola.

Il-halliel hedded lit-tfajla u ordnalha ttih il-flus izda hi irrifjutat. Ghaldaqstant il-kriminal mar hu stess fejn hemm il-cash register u seraq madwar €100. Wara li ha l-flus il-halliel harab minn fuq il-post bil-mixi fid-direzzjoni tal-Knisja ta’ Hal Balzan.

Fuq il-post fejn sehh il-hold-up marru l-Pulizija tad-Distrett immexxija mill-Ispettur Kevin Farrugia u s-Surgent Mario Mifsud li bdew bl-istharrig. B’dan ir-reat gew informati ukoll l-Ispetturi Joseph Mercieca u Anthony Portelli mid-DIK. Il-Maæistrat Dr Silvio Meli ordna inkjesta u hatar lil Dr Richard Sladden flimkien mal-ufficjali tax-Xena tar-Reat bhala esperti tal-Qorti.

Sadanittant madwar tliet sighat wara gie rrapportat hold-up iehor din id-darba f’San Giljan. Ghal habta tal-9.45 p.m. Steve Spearing ta’ 18-il sena mill-Gzira kien fil-hanut ‘Rave’ li jinsab fi Triq il-Wilga flimkien mat-tfajla tieghu li ghandha 15-il sena u hija minn Tas-Sliema. Kif kienu hdejn il-bieb tal-hanut, dahal ragel mghammad u armat b’pistola jew revolver u hataf lit-tfajla u mbuttaha u fl-istess hin ta daqqa bl-arma fuq wicc Spearing li sofra ferita hafifa. Filwaqt li beda jheddihom bl-arma, ordna lil guvni biex jiftah il-cash register u jtih il-flus kollha li kellu. Kif Spearing fetah il-cash register, il-kriminal imbuttah u hataf il-flus li kien hemm, madwar €180. Kif il-halliel hareg mill-hanut deher inehhi l-balaklava u harab.

Kif gew informati l-Pulizija marru l-Ispettur Martin Sammut u s-Surgent Martin Agius mill-Gœassa ta’ San Giljan kif ukoll l-Ispettur Carmelo Magri mid-DIK. Huwa mifhum li l-Pulizija elevaw xi filmati minn cameras tas-sigurtà li setghu qabdu lill-kriminal mixi fit-triq.

Anke f’dan il-kaz l-inkjesta Magisterjali qed titmexxa mill-Magistrat Dr Silvio Meli li hatar bhala esperti lit-Tabib Forensiku Mario Scerri u lill-Avukat Joe Mifsud flimkien mal-Ufficjali tax-Xena tar-Reat.

Inzammet “weghda” ma’ Spettur

Kif zvelajt f’artiklu li gie ppubblikat illum (it-Tnejn, 23 ta’ Frar) fil-harga tal-gurnal l-orizzont, il-Korp tal-Pulizija issa ghandu zewg Assistenti Kummissarji u tliet Supretendenti godda. Li ma kinitx sorpriza hija l-weghda li nzammet ma’ Spettur u li fuq dan is-sit elettroniku kont digà ghidt se jsehh fil-11 ta’ Jannar 2009 (https://johnpisani.wordpress.com/2009/01/11/il-promozzjonijiet-fil-korp-tal-pulizija/).

Sadanittant filwaqt li b’zewg promozzjonijiet ghal Assistenti Kummissarju jhallu vakant zewg postijiet fir-rank ta’ Supretendenti, saru tlieta mhux tnejn biex b’hekk allegatament tkun inzammet “weghda” ma’ wiehed mill-Ispetturi.

promos-bizzilla1Il-Ministru ghall-Gustizzja u l-Intern, Carmelo Mifsud Bonnici, hatar lil Neil Harrison u Neville Aquilina bhala Assistenti Kummissarji fejn kif mistenni Harrison se jkun il-Kap tal-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga u x’aktarx li Neville Aquilina jinghata r-responsabbiltà ghad-Distretti f’‘Region B’. Dan il-post thalla vakant mill-Assistent Kummissarju Bertu Mula li spicca mill-Korp wara biss 38 jum li nhatar bhala Assistent Kummissarju.

It-tliet Spetturi li nhatru bhala Supretendenti huma Brian Zammit, Marco Mallia u Simon Galea. Sorsi qrib il-Kwartieri Generali tal-Pulizija qaluli li Brian Zammit se jibqa’ jmexxi l-Habs ta’ Kordin u Simon Galea minn ‘Personnel’ se jintbaghat Ghawdex. Mhux maghruf jekk Marco Mallia hux se jibqa’ fl-SAG ghax jekk ikun il-kaz allura s-Supretendent Martin Baylis ikun trasferit ghal xi taqsima ohra.

Il-hatra tal-Ispettur Simon Galea, qaluli s-sorsi fil-Kwartieri Generali tal-Pulizija, saret “biex tkun inzammet il-weghda li saret mieghu”. Fil-fatt meta f’Dicembru li ghadda kienu hargu l-promozzjonijiet ghal Supretendenti u Simon Galea kien baqa’ l-art, immedjatament kien hareg bis-‘sick leave’ jew kif jghidu fil-Korp “irtira”.

Izda f’inqas minn 12-il siegha Simon Galea kien irritorna ghax xoghol wara li “gie imwieghed li kien se jinghata l-promozzjoni”.

L-istess sorsi qalulna li l-vittma ta’ dan kien l-eks-Assistent Kummissarju Bertu Mula li minkejja li nghata l-promozzjoni, it-talba tieghu biex jibqa’ fil-Korp sena ohra, giet irrifjutata biex b’hekk kull ma dam igawdi l-promozzjoni kien biss 38 jum. Dan huwa meqjus bhala rekord fil-Korp tal-Pulizija.

Sadanittant bis-Supretendent Simon Galea li se jkun trasferit lejn Ghawdex, is-Supretendent Antonello Grech se jerga’ jiehu postu fl-Ghassa tal-Mosta responsabbli mid-Disa’ Distrett. B’hekk is-Supretendent Mario Bonello jimxi ghat-Tmin Distrett fl-Ghassa ta’ Birkirkara minflok l-Assistent Kummissarju Neville Aquilina.

Fi stqarrija mahruga mis-CMRU intqal li l-Kummissarju tal-Pulizija John Rizzo ferah lil dawn l-ufficjali f’dan il-mument specjali fil-karriera taghhom.  Is-Sur Rizzo qal li huma qed jigu premjati tax-xoghol li ghamlu tul il-karriera taghhom filwaqt li fakkarhom li fir-rank il-gdid taghhom ir-responsabilità hija wahda akbar.  Il-Kummissarju tkellem dwar l-importanza tad-dixxiplina u kif l-ufficjali ghandhom ikunu ta’ ezempju ghas-sub-alterni taghhom.

“Candid Camera”?

Izda sorsi li tkellmu mieghi qaluli li jekk verament il-Kummissarju jemmen f’dak li qal, allura jista’ jkun li mhux informat sew b’dak li sehh dan l-ahhar. Fil-fatt wiehed minn dawn l-ufficjali li ghadu kif inghata promozzjoni, fil-gimghat li ghaddew kien qieghed idur it-toroq ma’ Maggur, mhux biex jaqbad il-kriminali imma biex jispjuna fuq il-Pulizija shabu stess.

Dan l-ufficjal kien qieghed idur armat b’video camera u mohbi f’karozza ma’ Maggur li kien jiehu mieghu, jiffilmja Pulizija li jkunu fuq Fixed Points. U jekk kumbinazzjoni l-Pulizija jkun qieghed fil-karozza minhabba l-ksieh u x-xita, kien l-ewwel jiffilmjah, li hija xi haga illegali, u wara jmur fuqu u jwahhlu crime.

Bhal ma jaf kulhadd l-uniformi tal-Pulizija ta’ Malta la huma tajbin ghal ksieh u lanqas ghax-xita. Ghax anke dik li suppost hija gakketta ghax-xita mhi tajba biex tilqa’ l-ilma tant li meta l-Pulizija jkunu barra u taghmel ix-xita dawn jispiccaw imxarbin sal-hwejjeg ta’ taht.

Daqshekk hemm minu huwa “ta’ ezempju ghas-sub-alterni taghhom”, qalulna s-sorsi.

 

Jinvestiga minn suppost qed ikun investigat

fam-inkjesta

Imkien fid-dinja ma jinhatar xi hadd biex jinvestiga jekk kienx hemm nuqqassijiet waqt xi kaz, meta l-istess persuna hija responsabbli li tara li ma jkunx hemm dawn in-nuqqassijiet. Imma hekk gara fil-Forzi Armati ta’ Malta fejn il-persuna li qed tmexxi l-inkjesta dwar il-mewt ta’ Gunner Matthew Psaila hija l-istess persuna li kellha tara li ma kien hemm ebda periklu ghal hadd biex din it-tragedja ma ssehhx.

Din l-inkjesta nghatat l-isem ta’ ‘Board of Inquiry – Training Incident at Wied l-Isperanza 13 February 2009 (Bord ta’ Inkjesta – Incident waqt it-Tahrig fil-Wied tal-Isperanza 13 ta’ Frar 2009). Fuq dan il-bord  inhatru tliet persuni. Bhala President hemm il-Logotenent Kulunell Mario Borg li huwa l-Kap Kmandant tat-Tielet Regiment u l-Ufficjal responsabbli mis-Sahha u s-Sigurtà tal-Armata. Mieghu hemm il-Maggur Robert Bonnici, li kien inginier mat-Taqsima tal-Ajru u issa l-Ufficjal Kmandant tal-‘A’ Company responsabbli mis-sigurtà tal-Ajruport u l-Kaptan Jonathan Cutajar mit-Tielet Regiment.

Sorsi fil-FAM qaluli li dawn it-tliet fizzjali inhatru fuq dan il-Bord ta’ Inkjesta skont “General Order 18” mahruga nhar il-Gimgha, 13 ta’ Frar 2009 fl-istess gurnata li sehh l-incident f’Chadwick Lakes. Il-bord qieghed jintalab jinvestiga x’gara ezatt, ic-cirkostanzi li waslu ghal dan l-incident u jekk is-‘Safety Procedures’ (il-Proceduri ta’ Sigurtà) kienux osservati waqt l-ezercizzju.

Izda, qalu s-sorsi, din l-inkjesta mill-ewwel bdiet hazin u kif spjegaw is-sorsi “bdiet tahwida papali”. Dawn qed jistaqsu – xi proceduri ta’ sigurtà kellhom isegwu s-suldati waqt it-tahrig?  Jezistu xi “ordnijiet” li jiddeterminaw x’ghandhom ikunu dawn il-proceduri jew x’appart ghandu jingarr waqt ezercizzji bhal dawn?

Fil-FAM, sostnew is-sorsi, hemm regoli, jew ordnijiet, fejn anke meta suldat ikun qieghed jaghmel l-ghassa tieghu, tinhareg ordni minn fejn ghandu jghaddi, x’ilbies ghandu jkollu fuqu waqt ‘details’ jew waqt xi xoghol iehor. Dawn lis-suldati suppost li jinghatawlhom bil-miktub.

Is-sorsi qaluli li tajjeb li wiehed jistaqsi fejn qieghdin dawn l-ordnijiet li jghidu lis-suldat jew lill-fizzjal  x’ghandu jaghmel biex issegwi dawn il-proceduri u x’apparat ghandu jingarr jew jittiehed waqt ezercizzji varji li jigu organizati mil FAM.

“Naccertak li dawn l-istruzzjonijiet, jew ordnijiet, ma jezistux u l-fizzjal inkarigat  li suppost hareg dawn l-ordnijiet huwa l-istess fizzjal li nhatar biex immexxi l-inkjesta”, sahaq ufficjal fl-Armata mat-torca. Is-sors qalilna li f’kull Armata professjonali barra minn Malta jezistu dawn ‘is-Safety Orders’ bil-miktub f’forma ta’ ‘Orders & Field Check Lists”. 

U hawn tkompli t-tahwida bil-hatra tal-Logotenent Kulunell Mario Borg biex imexxi din l-inkjesta. Mario Borg ilu l-Ufficjal responsabbli mis-Sahha u s-Sigurtà tal-Armata ghal aktar minn erba’ snin fejn anke nghata l-opportunità li jaghmel diploma course fl-Università ta’ Malta fuq dan is-suggett ghas-spejjez tal-Armata. U ma’ dan kulhadd jaqbel ghax qed jaghmlu biex jaqdi lill-Armata.

Ghaldaqstant, sahqu s-sorsi, wahda mill-aktar affarijiet essenzjali li kien fid-dmir li jaghmel il-Logotenent Kulunell Mario Borg hekk kif inghata r-responsabbilità tas-Sahha u s-Sigurtà, hija li jara kif jahdmu Armati barranin u kif jimplementaw ir-rogolament u l-ordnijiet waqt it-tahrig u jaddatta dawn fil-FAM.

Is-sorsi qaluli li sfortunatament dan x’aktarx ma sarx minhabba xi skuza jew ohra fosthom nuqqas ta’ finanzi u pressjoni ta’ xoghol. Huma qalulna li Mario Borg kellu tul dawn l-ahhar snin jifli l-ezercizzji kollha li jsiru mis-suldati u jordna permezz ta’ ‘standing orders’ bil-miktub lill-fizzjali tal-FAM x’mizuri ta’ sigurtà ghandhom jittiehdu waqt kull ezercizzju. 

Ghaldaqstant fi hdan l-Armata qieghdin iqumu diversi mistoqsijiet kemm verament se tkun genwina din l-inkjesta. “Mhix serjetà li inkjesta, li trid tara jekk fost l-ohrajn kienx hemm nuqqassijiet ta’ sahha u sigurtà, titmexxa mill-istess fizzjal li huwa responsabbli li jara li ma kienx hemm nuqqassijiet”, sahaq il-fizzjal li tkellem maghna.

L-ghazla tal-Logotenent Kulunell Borg biex imexxi din l-inkjesta, ghaldaqstant, qieghda titqies minn bosta nies, l-aktar fi hdan il-FAM stess, bhala attentat sfrenat biex jekk kien hemm xi nuqqassijiet l-Armata se tigi mehlusa minn kull tort. Minn naha l-ohra jekk jinstab li kien hemm xi nuqqassijiet minn naha tal-Armata, il-persuna responsabbli mis-Sahha u s-Sigurtà, u cioè Mario Borg, se jaghmel, staqsew is-sorsi.

Izda ‘t-tahwida papali’, kif qaluli s-sorsi, tkompli tithawwad peress li fi hdan il-FAM hemm fizzjal responsabbli biex jaghmel dawn l-investigazzjonijiet. Dan huwa il-Logotenent Kulunell Alfred Attard li huwa responsabbli mill-Awditjar u Investigazzjonijiet. Dan huwa l-fizzjal li l-Armata stess taghtu r-responsabbilità biex jinvestiga incidenti simili bhal ma gara nhar il-Gimgha, 13 ta’ Frar. Izda dan thalla barra totalment u ghalhekk din l-inkjesta tidher li digà bdiet fuq nota negattiva.

“Hawn qed nitkellmu fuq kollega li halla hajtu waqt il-qadi ta’ dmirijietu u mhux korra, jew forsi tilef parti minn gismu. Zaghzugh ta’ 19-il sena ghadu kif inghata funeral militari kif kien jixraqlu. Imma inutli x-xeni sbieh. Issa li se nigu biex naraw x’mar hazin biex ma titkissirx familja ohra, se jkollna inkjesta farsa”, sahaq wiehed mis-sorsi.

Il-FAM siekta dwar il-kaz

gunner-psailaMinkejja li ghaddew kwazi jumejn mindu sehh il-kaz, il-Forzi Armati baqghu ma hargu ebda stqarrija ufficjali ta’ x’seta’ gara nhar il-Gimgha fl-inhawi ta’ Chadwick Lakes fejn suldat itella’ mitluf minn sensih minn taht l-ilma. Gunner 8710 Matthew Psaila ta’ 19-il sena minn Tax-Xbiex ghadu qed jinzamm haj permezz tal-magni wara li lehaq bela’ hafna ilma waqt ezercizzju. Fl-istess kaz zewg suldati ohrajn ukoll kienu se jeghrqu.

Diversi sorsi li tkellmu mieghi qaluli li t-tahrig li kienu qieghdin jaghmlu s-suldati huwa wiehed li jsir bhala ezercizzju ta’ ostakoli fosthom li jridu jghaddu mill-ilma. It-tahrig ta’ nhar il-Gimgha beda minn hdejn il-Kappella fejn is-suldati nizlu qrib l-ilma u kellhom jimxu f’kundizzjonijiet difficli flimkien izommu zokk ta’ sigra id-daqs ta’ arblu biex is-suldat jitghallem jahdem bhala tim kif ukoll jitghallem li huwa importanti li jaghmel xoghlu tajjeb kemm ghalih kif ukoll ghal shabu.

Jidher li meta s-suldati kienu ghadejjin minn taht il-pont, tlett suldati, fosthom Psaila, ippanikjaw. Dak il-hin intlemhu zewg suldati li kienu nizlin taht l-ilma jippruvaw jiggranfaw ma’ xulxin u kif is-suldati li kienu qieghdin josservaw it-tahrig indunaw qabzu biex jaghtu l-ghajnuna. Izda filwaqt li dawn tellghu liz-zewg suldati, ma ndunawx li kien hemm Gunner Matthew Psaila li kien taht l-ilma taht il-pont.

Meta z-zewg suldati li sabu ruhhom f’diffikultajiet ittelghu lejn l-art, indunaw li Psaila ma kienx hemm u bdew isejhulu izda ma kienx hemm risposta.

B’hekk ir-Rescuers li kienu maghhom ghal li jista’ jinqala’ kif ukoll il-kumplament tas-suldati iffurmaw linja u bdew ifittxu lil Psaila fl-ilma. Fil-fatt Psaila instab fil-qiegh taht il-pont u kif ittella’ kien innutat li ma kellux sinjali ta’ hajja tant li ma kellux polz. Huwa nghata l-ewwel ghajnuna  mill-istess rescuers u kien grazzi ghal mod professjonali li taw din l-ghajnuna li wara ftit beda jinhass il-polz ghalkemm baxx hafna. 

Is-sorsi qaluli li s-sitwazzjoni iggravat minhabba li waqt il-kommossjoni kollha kemm biex gew salvati z-zewg suldati l-ohrajn kif ukoll sakemm instab Psaila, il-hama u hmieg iehor li hemm fl-ilma inqala’ mill-qiegh u b’hekk lehaq ghadda hafna hin prezzjuz sakemm instab iz-zaghzugh fil-qiegh. Qieghed ikun ikkalkulat li mindu shab Psaila indunaw li ma kienx maghhom sakemm dan instab f’qiegh l-ilma kienu ghaddew madwar sitt minuti.

Sadanittant sorsi qrib il-FAM qaluli li dan it-tip ta’ tahrig isir minn kull Armata madwar id-dinja f’kull tip ta’ kundizzjonijiet aktar difficli minn Malta fosthom fis-silg, tajn kbir u anke jaqsmu xmajjer kbar u keshin. L-uniku post f’Malta li jista’ jsir dan it-tip ta’ tahrig huwa fil-fatt f’Chadwick Lakes u fix xitwa meta ikunu mimlijin bl-ilma u ghalhekk il-fizzjali li jmexxu dan it-tahrig jafu x’inhuma l-kundizzjonijiet tal-post.

L-ewwel indikazzjonijiet dwar dan il-kaz kienu li nhar il-Gimgha ghal habta tal-10.40 a.m. grupp ta’ madwar 28 suldat kienu qed jiehdu sehem f’tahrig fl-inhawi ta’ Chadwick Lakes. Dak il-hin il-grupp kien taht il-livell tat-triq fl-inhawi ta’ San Pawl tal-Qliegha bejn ir- Rabat u l-Mosta.

Ghalkemm l-ambulanza ma tantx hadet hin biex waslet fuq il-post ghax telqet mic-Centru tas-Sahha tal-Mosta, qed ikun ikkalkulat li mindu Psaila naqas sakemm twassal fid-Dipartiment tal-Emergenza fl-Isptar Mater Dei, ghaddew madwar 28 minuta fejn is-suldat kien il-hin kollu mitluf minn sensih u kwazi bla polz ta’ xejn. Kien l-intervent ta’ shabu u l-infermiera fl-ambulanza li Psaila baqa’ haj imma f’qaghda gravi hafna.

Haga kurjuza, qalu l-istess sorsi, hija li qabel s-suldati ttiehdu ghal dan it-tahrig, gew mistoqsija jekk kienx hemm xi hadd li ma jafx jghum. Is-sorsi qaluli ukoll li kien hemm suldat li ddikjara li ma jafx jghum izda jidher li Psaila ma tkellimx. Persuni li jafu sew lil Psaila qalulna li z-zaghzugh, ghalkemm ilu madwar sena li dahal fl-Armata, kien determinat li jaghmel karriera mill-Armata u ghalhekk jista’ jkun li ma tkellimx ghax kien cert li lest li jelgheb kull ostakolu.

S’issa Gunner Psaila ghadu f’qaghda kritika fit-Taqsima tal-Kura Intensiva tal-isptar Mater Dei tant li qieghed jinzamm haj permezz tal-magni. Diversi suldati li kelmuni qalulna li mhux biss iridu jaraw lil Psaila lura maghhom, izda importanti ukoll li jsir maghruf x’gara biex accident bhal dan ma jirrepetix ruhu.

Il-Magistrat Dr Consuelo Scerri Herrera qeghda tmexxi inkjesta filwaqt li l-Ispetturi Joseph Agius u Robert Vella tad-Distrett qed jinvestigaw il-kaz minn naha tal-Pulizija. Minhabba li l-FAM ghadhom ma hargu xejn ufficjali, mhux maghruf jekk humiex jinvestigaw ukoll jew jekk hux se jibbazzaw kollox fuq l-inkjesta Magisterjali.

Harqu tliet ikkmamar

Ghal darb’ ohra zewg grupp ta’ klandestini f’zewg Centri ta’ Detenzjoni separati, ipprotestaw u kkawzaw hsarat kbar wara li wiehed minnhom waqa’ minn tieqa.

Nhar il-Gimgha waranofsinhar wiehed mill-klandestini kien f’tieqa fil-Blokk Hermes f’Hal Far fejn jintuza bhala Centru ta’ Detenzjoni meta tilef il-bilanc u waqa’ gholi ta’ tliet sulari. Huwa ttiehed l-Isptar Mate Dei isofri minn grieh gravi.

Jidher li shabu hatfu l-okkazzjoni biex ghal darb’ ohra bdew jipprotestaw u wara hafna storbju deher duhhan hiereg minn xi kmamar fl-istess blokk. Fuq il-post mar platoon ta’ suldati biex jikkontrollaw is-sitwazzjoni u anke ssejhu l-membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Civili biex jikkontrollaw in-nirien.

Fl-istess hin li kienet ghaddejja din il-protesta, grupp iehor, din id-darba fil-Barracks ta’ Hal Safi bdew ukoll jipprotestaw. Jidher li dawn il-protesti saru wara li allegtament il-klandestini ghamlu kuntatt bejniethom bl-intenzjoni li l-Forzi tal-Ordni jisibuha difficli biex jikkontrollaw iz-zewg protesti simultanjament.

protesti-klandestini-13-02-09Ghaldaqstant is-suldati kontra l-irvellijiet kif ukoll suldati ohra tpoggew fuq ‘standby’ biex jekk il-protesti jkomplu jeskalaw dawn jidhlu fl-azzjoni. Izda jidher li l-klandestini is-sottovalutaw il-hidma tas-suldati u aktar tard is-sitwazzjoni giet lura ghan-normal.

Sadanittant diversi sorsi qrib l-Armata qaluli li minkejja li ghad hemm diversi klandestini mahrubin u ghadhom jiggerrew mas-saqajn, ma jafux ghaliex ma nhargux ritratti taghhom biex ikunu ppubblikati fil-gurnali u l-mezzi tax-xandir.

Next Page »